Il-Maratona Għawdxija minn Dun Anton Refalo

Jekk issemmi din l-attivita’ illum fix-Xagħra, ifisser li tkun qed tidħol fi storja, ġaladarba attivita’ li titlob tant kilometri ta’ ġiri u li ma taffordjax tlugħ u nżul fil-korsa tagħha, meħtieġ allura immorru lura biex naraw kif kellha l-bidu din l-attivita’, hawn fix-Xagħra.

Il-“Maratona” inħolqot hawn (fix-Xagħra) minn għadd ta’ żgħażagħ li mill-1976 kienu joħolmu bil-kbir – inġenwinament ma jafux fejn iridu jaslu – mimlija enerġija, bi spirtu ta’ għaqda, “flimkien” (kif kien il-motto tagħhom), fiċ-Ċirklu taż-Żghażagħ.

Vera, ġirja li kienet tinvolvi mhux lill-barranin, bħal-lum, imma lilhom kollha: żgħazagħ u adulti, b’dawk l-appuntamenti spissi ta’ filgħaxijiet għad-dawl tal-qamar jew dlam ċappa, ksieħ jew sħana, nżul u tlugħ minn Marsalforn għar-Ramla u lura, tlajja li taqta nifsek issemmihom. Hekk kien il-bidu.

Kellhom żmien sabiħ fit-tmeninijiet u aktar fis-sajf, jilqgħu fiċ-Ċirklu taż-Żgħażagħ gruppi ta’ żgħażagħ Maltin u jaqsmu esperjenzi magħhom.

Daqstant ieħor kellhom esperjenzi ma’ żgħażagħ Taljani li għal diversi snin – fis-sajf – kienu jingħaqdu magħna: kienu huma li ikkonjaw (f’Ruma) il-medalji fil-bronż. Atleta fuq sfond il-Ġgantija – għall-attivita’ ‘Caccia al Tesoro’ mar-raħal kollhu u li kienet l-entużjażmu ta’ kullħadd. Daħlu l-logħob tal-volleyball u l-basketball fil-grounds taċ-Ċirklu u jibqgħu jissemmgħu, fuq kollox, il-famużi Logħob taż-Żgħażagħ ġewwa Pjazza l-Vitorja, li kienu jikkonsistu f’logħob storiċi li jolqtu r-raħal mill-Preistorja sa żminijietna. Logħob mibni fuq l-istil tal-folklor storiku Taljan li tant huma kburin bih.

Sa ftit snin ilu kien parti wkoll mill-festa tar-raħal, anzi kien attrazzjoni partikulari, uniku f’Malta u kien jiġbed mijiet ta’ żgħażagħ u nies. Sa waslu – it-Taljani – biex joħolqu kuluri għat-timijiet, kollha bl-emblemi tagħhom u isem it-timijiet fuq flokkijiet li wkoll inħadmu l-Italja. Kien jonqos biss il-kostumi tal-epoka. L-erba timijiet – is-Sansuniti, il-Ġganti, is-Sanvernini u l-Odissini kienu jopponu l-xulxin u akkaniti ferm tant li anke kienu ġabu permers biex ssir korsa taż-żwiemel bħala parti mil-Logħob.

Dan l-ispirtu ta’ logħob ma stajtx inħalliħ barra għax tassew kien qawwi daqs il-Maratona.

Dan kollhu li rrakkontajt – ftit mill-ħafna – jirrifletti biss dak li ġejt mitlub nikteb dwaru llum.

Għalija, li kont responsabbli sa mill-bidu nett, nara wara dan li rrakkontajt, l-aspett kulturali u reliġjuż li kienu jħaddnu iż-żgħażagħ tagħna u li fuqhom ġew iffurmati. Għalija, dejjem skont it-twemmin tiegħi, l-ispirtu reliġjuż, dak kulturali u sportiv huma aspetti fundamentali u inseparabli għall-formazzjoni ta’ bniedem sħiħ. Biżżejjed tinjora wieħed minnhom u issibek izzappap fit-tnejn l-oħra.

Hekk rajthom liż-żgħażagħ tagħna. Emmint fihom u għixt magħhom din l-avventura għal 36 sena.

Ninżlu Issa għar-realta’ tagħna.

Illum li ninsabu fl-era elettronika ġa nistgħu naraw ir-riżultati li qed tħalli fuq iż-żgħażagħ – minkejja l-ispirtu tal-fantasija u l-kreattivita’ li ż-żgħożija taf toħloq fil-bniedem. Kif jistgħu żgħażagħ jerġgħu jiskopru l-valuri supremi li jagħtuhom sens u direzzjoni fil-ħajja meta jinsabu iżolati għax forsi inqabdu ilsira ta’ oġġett elettroniku? Forsi qiegħdin jgħixu f’utopja. Għalhekk, il-ġiri, l-organizzazjoni ta’ attivitajiet bħall dawn u l-għaqda huma modi ta’ kif nistgħu nikkalibraw rwieħna.

Kollox jista jsir għal min jemmen.

Kun konvint u ikkonvinċi.